02/06/2026
Il-Kunsill Lokali Paola jsellem il-memorja ta’ Ms Josephine Frendo, li ġiet onorata b’Ġieħ Paola fid-19 ta’ Lulju 2025. Ms Frendo tibqa’ magħrufa bħala mara li qatt ma fittxet daqq ta’ trombi; kienet mara ta’ servizz. Kellha qalb kbira, mimlija mħabba u umiltà lejn il-komunità li tant ħabbitha u se tibqa’ tgħożżha fil-memorji tagħha.
Qed naqsmu magħkom bijografija rikka ta’ Ms Frendo liema memorji kienet qasmet mal-Kunsilliera Rose Piccinino qabel Jum Paola 2025.
Il-Kunsill Lokali Paola joffri l-kondoljanzi lill-familjari u ‘l-ħbieb tagħha.
Tistrieħ fis-sliem 🌹
Bijografija ta’ Ms Josephine Frendo miktuba wara intervista li għamiltilha l-Kunsilliera Rose Piccinino f’Lulju 2025.
Onorata b’ Ġieħ Paola fid-19 ta’ Lulju 2025
Josephine Frendo, magħrufa minn ħafna bħala ‘Ms Frendo’, twieldet fis-7 ta’ Frar 1935 f’Raħal Ġdid, bint Carmelo u Giovanna (nee Cassar). Hija kienet waħda minn żewġ tewmin, il-kbar fost 5 aħwa, flimkien ma’ oħtha t-tewmija Marion, Dun Salv, u t-tewmin iż-żgħar, Pauline u Connie. Matul ħajjitha, dejjem baqgħet tgħix fl-istess dar fejn trabbiet, fid-dar ‘tal-Granny’ fil-Pjazzetta.
L-edukazzjoni tagħha bdiet fl-Iskola Primarja ta’ Raħal Ġdid, u kompliet fl-Iskola Sekondarja St Theresa Grammar School, li dak iż-żmien kienet għadha f’Ħal Tarxien. Wara li kisbet l-O Levels, flimkien ma’ ċertifikati tax-shorthand u t-typing fl-1951, bdiet il-kors ta’ Spiżjara fl-Università ta’ Malta, imma l-qalb tagħha kienet imsejħa x’imkien ieħor. Ġiet imqanqla minn sens ta’ missjoni: dik li tgħallem.
Waqqfet l-istudji tagħha fil-farmaċija wara 6 xhur, u bdiet il-kors għal għalliema fil-Mater Admirabilis Training College fil-Kulleġġ tas-Sacred Heart. Hekk beda l-vjaġġ ta’ ħajjitha fl-edukazzjoni. Għamlet sitt snin tgħallem fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Tarxien, u fl-1960 għaddiet mill-eżami għal Assistent Kap ta’ Skola, fejn laħqet Assistent Kap tal-iSkola Primarja tal-Marsa.
L-impenn tagħha ġie rikonoxxut bi scholarship għal sena f’Digby Stuart College f’Roehampton, l-Ingilterra, fejn studjat biex tilħaq Kap ta’ Skola. Malli reġgħet lura Malta, saret Kap tal-Iskola Primarja ta’ Bormla, fejn serviet mill-1965 sal-1971. Iżda għal ħafna Pawlisti, l-isem ta’ Ms Frendo jibqa’ assoċjat mal-iSkola Primarja A ta’ Raħal Ġdid, fejn kienet Kap bejn l-1971 u l-1981. Aktar t**d serviet ukoll fl-Isla u f’Ħaż-Żabbar, fejn temmet il-karriera tagħha fl-1995.
Tul dan il-vjaġġ, Josephine kienet dejjem magħrufa għall-ġentilezza, għat-tjubija u għar-rispett li wriet lejn kulħadd – studenti, ġenituri u kollegi. Tħaddan lil kull min kien taħt il-kura tagħha b’qalb miftuħa u bl-akbar dedikazzjoni.
Il-kontribut tagħha ma kienx biss fl-iskejjel. Għal tletin sena sħaħ, bejn l-1994 u l-2024, serviet bħala Segretarja tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ Kristu Re. Kienet preżenza kostanti u ta’ appoġġ, speċjalment fi żmien Mons. Dun Adolf Agius, fejn kienet tgħin ukoll fil-korrispondenza tal-parroċċa b’mod volontarju. Għamlet żmien ukoll isservi bħala Segretarja tal-Kummissjoni Liturġika u anke serviet bħala Ministru Straordinarju tat-Tqarbin. Fost is-servizz impekkabbli tagħha lill-Parroċċa, kienet ħietet, fost oħrajn il-purtieri l-antiki tas-sagristija u xi oġġetti oħra.
Għal snin twal kienet ukoll pilastru tal-fergħa tal-Azzjoni Kattolika tax-Xebbiet f’Raħal Ġdid. Bdiet bħala membru meta kellha 19-il sena, wara li waqfet tattendi l-MUSEUM tal-bniet, u kompliet tmexxi din il-fergħa b’ħeġġa u impenn sa ma kellha 85 sena.
Ms Josephine Frendo ġiet onorata mill-Kunsill Lokali Paola b’Ġieħ Paola fid-19 ta’ Lulju 2025 waqt iċ-ċerimonja ta’ Jum Paola quddiem il-Bażilika ta’ Kristu Re fi Pjazza Antoine de Paule.
Ms Frendo tibqa’ magħrufa bħala mara li qatt ma fittxet daqq ta’ trombi. Kienet mara ta’ servizz. Kellha qalb kbira, mimlija mħabba u umiltà lejn il-komunità li tant ħabbitha u se tibqa’ tgħożżha fil-memorji tagħha.