03/06/2026
L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tilqa’ b’sodisfazzjon il-ħatra tal-Ministru Onor. Alison Zerafa Civelli responsabbli mill-Gvern Lokali u tawguralha kull suċċess fir-responsabbiltà importanti li ġiet fdata lilha.
Il-Gvern Lokali jibqa’ wieħed mill-aktar pilastri importanti tal-amministrazzjoni pubblika, għaliex huwa l-eqreb livell ta’ tmexxija lejn ir-residenti tagħna. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu f’dan il-livell jolqtu b’mod dirett il-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet tagħna u għandhom impatt konkret fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali timpenja ruħha li tkompli taħdem flimkien mal-Ministru sabiex jitwettaq it-tibdil meħtieġ biex is-settur tal-Gvern Lokali jibqa’ modern, aġġornat u kapaċi jilqa’ għall-isfidi u r-realtajiet tal-lum u ta’ għada.
F’dan il-kuntest, l-Assoċjazzjoni twiegħed l-appoġġ tagħha kif ukoll ir-rieda politika li taħdem id f’id mal- Ministeru sabiex ir-resident jibqa’ fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet, permezz ta’ parteċipazzjoni diretta f’dak kollu li jirrigwardjah permezz tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali.
Dan jibqa’ wkoll konformi mal-viżjoni tal-Assoċjazzjoni “Resident l-Ewwel – Kwalità ta’ Ħajja Aħjar”, li tkompli tiggwida l-ħidma u l-prijoritajiet tagħha.