Illum, l-Informa qed teżamina direzzjonijiet ġodda u opportunitajiet friski sabiex tiżgura li dan iċ-ċentru jibqa’ relevanti u ħaj fil-kuntest kontemporanju u mhux biss dak storiku. Fl-1972, il-librerija bdiet bħala waħda żgħira, bi ftit kopji tal-gazzetti u rivisti li kienu jaslu fil-kamra tal-aħbarijiet tal-gazzetti tal-Partit Nazzjonalista. Maż-żmien, kibret u saret magħrufa madwar il-pajjiż ko
llu għall-kontribut prezzjuż tagħha. Il-librerija toffri servizz estensiv permezz ta’ kollezzjoni kbira ta’ gazzetti, rivisti, kotba, ritratti, files ta’ press cuttings u, fuq kollox, database dettaljat u vast ta’ ġrajjiet kurrenti li jirriflettu l-kontenut kollu tal-ġurnali Maltin. Dan is-servizz effiċjenti kien offrut minn tim dedikat ta’ impjegati mħarrġa u mmexxija b’mod professjonali minn Tessa Baluci. Iċ-Ċentru ta’ Riċerka kompla jevolvi u llum huwa magħruf bħala Informa – Ċentru għar-Riċerka u l-Istudju, jew fil-qosor, Informa. Fl-2024, wara snin fejn Informa kienet magħluqa, inħatar Direttur ġdid – James Aaron Ellul – u minn hemm beda proċess ġdid ta’ organizzazzjoni u ristrutturar sabiex Informa terġa’ tieħu l-ħajja u l-missjoni tagħha b’mod aktar robust. Lura fl-2008, Tessa Baluci, Eks Direttur tal-Librerija, kienet tenniet li l-Librerija Informa kellha aktar minn 615,000 entry f’sintesi ta’ aħbarijiet ta’ kuljum, kif kienu jiġu rappurtati fil-ġurnali lokali. Nittamaw li fil-futur qarib inkomplu nwessgħu l-għarfien u nrawmu l-intellett, filwaqt li nkomplu nappoġġjaw lil kull min jixtieq jagħmel użu mis-servizzi estensivi li toffri Informa