06/10/2026
Minn din is-sena The Drama Group Mosta se tkun qed tniedi rikonoxximent lejn dawk li permezz tad-dedikazzjoni u l-ħidma tagħhom promovew u mexxew il-quddiem l-arti Teatrali f'pajjiżna.
Dan ir-rikonoxximent li se jkun fuq bażi annwali se jirrikonoxxi l-karriera, il-ħidma, id-dedikazzjoni u l-eċċellenza fit-Teatru kemm fuq bażi ta' lokal u kif ukoll fuq bażi nazzjonali.
B'rikonoxximent għal karriera u l-eċċellenza tiegħu fil-qasam teatrali, bħala The Drama Group Mosta ddeċidejna li dan ir-rikonoxximent/unur ikun iddedikat għal artist Mosti Joe Gatt . It-titlu "Premju Joe Gatt għall-Eċċellenza fit-Teatru" ma nħoloqx kumbinazzjoni.
Joe Gatt mess ma kull aspett ta' produzzjoni teatrali..... Kittieb, attur, direttur u producer. Joe qatt ma żamm lura milli joffri opportunitajiet lil kull min xtaq jesperjenza l-ħajja teatrali u qatt ma żamm xejn għalih, tant li kien jaqsam l-esperjenza kollha tiegħu ma' min kien juri nteress li jitgħallem. Kien l-għasel tiegħu jara lil min beda miegħu bħala prinċipjant, jikber u jagħmel triq fid-dinja teatrali.
Għalhekk kienet deċiżjoni naturali li dan ir-rikonoxximent iġorr ismu, biex b'hekk jibqa' mfakkar dan il-bniedem li tant ta għat-teatru f'pajjiżna.
Għal dan u ħafna aktar bi pjaċir The Drama Group Mosta se tkun qed tniedi din l-ewwel edizzjoni tal-"Premju Joe Gatt għall-Eċċellenza fit-Teatru". Dettalji ta' din l-attività annwali se jkunu mxandra fil-ġimgħat li ġejjin